Aqbeż għall-kontentut

Villa ta' Adrijanu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Villa ta' Adrijanu

Il-Villa ta' Adrijanu (bit-Taljan: Villa Adriana) hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li tinkludi l-fdalijiet arkeoloġiċi ta' kumpless ta' villa kbira li nbniet għall-ħabta tal-120 W.K. mill-Imperatur Ruman Adrijanu f'Tivoli daqsxejn 'il barra minn Ruma. Is-sjieda tas-sit hija tar-Repubblika tal-Italja u mill-2014 hija ġestita mill-Polo Museale del Lazio.[1]

Il-villa nbniet f'Tibur (fejn illum hemm Tivoli) bħala post fejn l-Imperatur Adrijanu kien jirtira minn Ruma matul it-tieni u t-tielet deċennji tas-seklu 2 W.K. Jingħad li Adrijanu ma kienx għal qalbu fil-palazz ta' fuq l-Għolja Palatina f'Ruma, u dan wassal għall-kostruzzjoni tal-villa. Kienet drawwa dak iż-żmien li l-Imperatur Ruman ikollu villa bħala post fejn jirrilassa mill-ħajja ta' kuljum. Imperaturi preċedenti u Rumani għonja, bħal Trajanu, kienu bnew xi vilel ukoll. Bosta vilel kienu awtosuffiċjenti b'irziezet żgħar u ma kellhomx għalfejn jimportaw l-ikel.

Mudell tal-Villa ta' Adrijanu

Il-pajsaġġ pittoresk madwar Tibur kien wassal biex iż-żona tkun għażla popolari għall-vilel u għall-postijiet rurali ta' rtir. Iż-żona kienet ferm popolari man-nies mill-peniżola Spanjola, li kienu residenti fil-belt ta' Ruma. Dan jaf ikkontribwixxa biex Adrijanu jagħżel din il-proprjetà; għalkemm twieled f'Ruma, il-ġenituri tiegħu kienu minn Spanja u jaf kien midħla taż-żona matul tfulitu. Jaf kien hemm konnessjoni wkoll permezz ta' martu Vibia Sabina (83-136/137), li kienet in-neputija tal-Imperatur Trajanu. Il-familja ta' Sabina kellha proprjetajiet kbar u jiġi spekulat li l-proprjetà f'Tibur setgħet kienet waħda minnhom. Villa miż-żmien Repubblikan iffurmat il-bażi għall-Villa ta' Adrijanu.

Matul l-aħħar snin tat-tmexxija tiegħu, Adrijanu effettivament iggverna l-imperu mill-villa. Huwa beda juża l-villa bħala r-residenza uffiċjali tiegħu għall-ħabta tal-128 W.K. Għalhekk, qorti kbira kienet tgħix hemmhekk b'mod permanenti u għadd kbir ta' viżitaturi u burokrati kienu jgawdu mill-intratteniment fil-post u kienu jintlaqgħu temporanjament fil-villa. Is-servizz postali kien iżommha f'kuntatt ma' Ruma xi 29 kilometru 'l bogħod, fejn kienu jinsabu d-diversi dipartimenti tal-gvern.

Mhuwiex magħruf jekk il-mara ta' Adrijanu kinitx tgħix fil-villa fuq bażi temporanja jew permanenti. Ir-relazzjonijiet tiegħu magħha milli jidher kienu bierda jew distanti, possibbilment minħabba s-sesswalità ambigwa tiegħu. Il-ġenituri ta' Adrijanu kienu mietu meta kien żgħir, u hu u oħtu kienu ġew adottati minn Trajanu. Jista' jkun li l-qorti ta' Adrijanu fil-villa kienet kollha maskili, iżda x'aktarx li Germana, li kienet tieħu ħsieb tindukrah fi tfulitu, u li kellu rabta qawwija magħha, kienet tgħix fil-villa (u effettivament baqgħet ħajja iktar minnu).

Mappa tal-Villa ta' Adrijanu

Wara Adrijanu, il-villa xi kultant kienet tintuża mid-diversi suċċessuri tiegħu (fl-istabbiliment instabu busti ta' Antoninus Pius (138-161), Marcus Aurelius (161-180), Lucius Verus (161-169), Septimius Severus u Caracalla). Zenobia, ir-reġina deposta ta' Palmyra, possibbilment għexet fil-villa għall-ħabta tal-270 W.K.

Matul id-deklin tal-Imperu Ruman fis-seklu 4 W.K., gradwalment il-villa ġiet ittraskurata u minnha nsterqu diversi statwi ta' valur u biċċiet tal-irħam. Il-faċilità ntużat bħala maħżen miż-żewġ naħat matul il-Gwerra Gotika (535-554) distruttiva bejn l-Ostrogoti u l-Biżantini. Instabu fdalijiet ta' kalkara tal-ġir, fejn l-irħam mill-kumpless kien jinħaraq għall-estrazzjoni tal-ġir bħala materjal tal-kostruzzjoni. Il-materjal tal-kostruzzjoni kien reġa' ntuża wkoll mill-Kristjani biex jibnu l-bażiliki u binjiet oħra.

Fis-seklu 16, il-Kardinal Ippolito II d'Este ordna li l-kumplament tal-irħam u tal-istatwi fil-Villa ta' Adrijanu jitneħħew biex iżejnu l-villa tiegħu magħrufa bħala Villa d'Este jew Villa tal-familja d'Este, li tinsab fil-qrib. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, l-iskavi xi kultant ħarġu fid-dieher iktar frammenti u skulturi, li wħud minnhom kienu nżammew fil-post jew esposti fil-binjiet tal-madwar.

Struttura u arkitettura

[immodifika | immodifika s-sors]
Iż-żona ta' rikreazzjoni tal-villa, magħrufa bħala l-Canopus, mit-tempju ta' Serapis

Il-Villa ta' Adrijanu hija żona vasta b'bosta pixxini, banjijiet, funtani u arkitettura klassika Griega u Rumana fi ħdan taħlita ta' pajsaġġi bil-ġonna, natura selvaġġa u raba' kkultivat. Minħabba l-vjaġġi li kien għamel, Adrijanu kkummissjona wkoll binjiet u statwi bi stil Eġizzjan, u saħansitra lil ċerti binjiet tahom ismijiet ta' bliet jew tempji Eġizzjani.

Il-binjiet inbnew bit-travertin, bil-brikks, bil-ġebla tal-ġir, bil-pozzolana, bit-tufa. Il-kumpless fih iktar minn 30 binja, u jkopru mill-inqas kilometru kwadru (żona ikbar mill-belt ta' Pompej), li fil-biċċa l-kbira għadhom ma ġewx skavati sew. Il-vilel normalment kienu jinbnew fuq il-quċċata ta' xi għolja, iżda bil-funtani, bil-pixxini u bil-ġonna tagħha, il-Villa ta' Adrijanu kellha bżonn sorsi abbundanti tal-ilma, li ġie fornut mill-akkwedotti li kienu jalimentaw lil Ruma, inkluż l-Aqua Anio Vetus, l-Aqua Anio Novus, l-Aqua Marcia, u l-Aqua Claudia. Sabiex il-villa setgħet tuża dawn is-sorsi, kellha tinbena fuq art iktar baxxa minn dik tal-akkwedotti.[2]

Il-kumpless tal-villa fih bosta strutturi minn kulturi differenti. Pereżempju, il-villa għandha xmara żgħira għaddejja minn nofsha li tfakkar fix-xmara Nil tal-Eġittu. Barra minn hekk, il-villa kellha Poikilos, jiġifieri figuri Griegi li kienu tipiċi tal-Greċja Antika. Fi ħdan l-istrutturi kollha tal-villa, hemm ukoll grotta msejħa Hades. Dawn l-istrutturi kollha jfakkru l-postijiet li l-Imperatur Adrijanu kien żar matul it-tmexxija tiegħu.

L-arkitettura tal-villa tmur lil hinn mis-sempliċi tismija tal-istrutturi għal postijiet u għal monumenti li kien ra Adrijanu matul il-vjaġġi estensivi tiegħu. Ċerti binjiet jippruvaw jerġgħu joħolqu karatteristiċi speċifiċi tal-pajsaġġi jew tal-arkitettura li kellhom importanza personali għall-imperatur. B'hekk, iż-żona magħrufa bħala l-Canopus, imsemmija għall-belt Eġizzjana fejn għereq Antinous, fiha pixxina twila u kbira li tirrifletti bħala rappreżentanza tan-Nil, u madwarha kien hemm kopji ta' skulturi famużi inkluż il-karjatidi tal-Erechtheion, statwa tan-nanu u alla tal-fertilità Eġizzjan Bes, u kukkudrill. Il-Pecile hija mmudellata fuq l-iStoa Poikile f'Ateni, belt li kienet għal qalb Adrijanu. L-istrutturi jħalltu liberament elementi tradizzjonali Griegi ma' elementi Rumani innovattivi. L-istruttura bi gżira, magħrufa bħala t-Teatru Marittimu, tuża l-ordni Joniku klassiku, għalkemm b'mod innovattiv; it-triclinium tal-hekk imsejħa Pjazza tad-Deheb u s-Serapeum kienu msaqqfa b'koppli Rumani segmentati tal-konkos, x'aktarx iddisinjati minn Adrijanu nnifsu.

Il-Pecile ta' Adrijanu li tinsab fil-villa kienet ġnien enormi mdawwar b'pixxina għall-għawm u arkata. Id-dimensjonijiet tal-pixxina kienu 232 metru b'97 metru. Oriġinarjament, il-pixxina kienet imdawra b'erba' ħitan bil-kolonni fuq ġewwa. Dawn il-kolonni kienu jirfdu s-saqaf. Fin-nofs tal-kwadriportiku kien hemm pixxina rettangolari kbira. L-erba' ħitan kienu joħolqu solitudni paċifika għal Adrijanu u l-mistednin tiegħu.

Il-banjijiet termali l-kbar tal-Villa ta' Adrijanu

L-hekk imsejjaħ Teatru Marittimu jikkonsisti minn portiku ġej għat-tond b'volta b'għamla ta' bittija mirfuda bil-pilastri. Fuq ġewwa, il-portiku kellu pixxina b'għamla ta' ċirku bi gżira fin-nofs. L-istruttura ċirkolari kbira għandha dijametru ta' 40 metru u d-daħla tagħha qiegħda lejn it-Tramuntana. Fi ħdan il-ħajt ta' barra u madwar il-ħandaq hemm ċirku ta' kolonni Joniċi lixxi. It-Teatru Marittimu jinkludi żona ta' lqugħ, librerija, banjijiet imsaħħna, tliet kompartimenti bl-artijiet imsaħħna, kamra tal-ħasil, gallerija tal-arti, u funtana kbira.[3] Fil-qedem, il-gżira kienet ikkollegata mal-portiku b'żewġ pontijiet jitilgħu u jinżlu tal-injam. Fuq il-gżira hemm domus żgħira, b'atriju, librerija, triclinium, u banjijiet żgħar. Iż-żona x'aktarx li kienet tintuża mill-imperatur bħala post ta' rtir mill-ħajja ta' kuljum tal-qorti.

Il-villa tuża bosta stili u innovazzjonijiet arkitettoniċi. Il-koppli tal-banjijiet imsaħħna bl-istim fihom toqob tondi fuq l-apiċi biex l-istim ikun jista' joħriġ. Dawn ifakkru fil-Panteon, mibni wkoll minn Adrijanu. Iż-żona fiha network ta' mini li kienu jintużaw l-iktar għat-trasport tal-qaddejja u tal-merkanzija minn post għall-ieħor.

Fl-1998, skont l-arkeologi fil-villa ġew skoperti l-fdalijiet tal-qabar monumentali ta' Antinous, jew ta' tempju ddedikat għalih.[4] Sussegwentement, din is-sejba ġiet ikkontestata minn studju li saħaq li ma kien hemm l-ebda evidenza diretta li dawk il-fdalijiet kienu tal-qabar ta' Antinous. Barra minn hekk, sors patristiku li qabel kien ġie injorat jindika li Antinous kien indifen fl-Eġittu f'Antinoöpolis. Għalhekk, il-possibbiltà li dawk il-fdalijiet kienu ta' santwarju ta' Antinous fil-Villa ta' Adrijanu setgħet kienet ipoteżi plawżibbli iżda ma kienx hemm l-ebda evidenza dwar dan.[5]

F'Settembru 2013, network ta' mini ġew investigati, midfuna fil-fond taħt il-villa; dawn x'aktarx li kienu rotot tas-servizz għall-persunal biex in-natura ideali tal-pajsaġġ ma tiġix disturbata. Is-sit kien jospita diversi eluf ta' nies, inkluż il-persunal, il-viżitaturi, il-qaddejja u l-iskjavi. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet skabrużi kienu jsiru fin-nuqqas ta' Adrijanu meta kien imur fuq spezzjonijiet tal-provinċji, x'aktarx li kien ikun hemm ħafna nies (u annimali) jiċċaqilqu minn post għall-ieħor fil-villa kuljum. L-attività kważi kostanti tal-bini flimkien max-xogħol fil-ġonna u l-attivitajiet domestiċi, x'aktarx li wasslu biex jinbnew rotot tas-servizz taħt l-art.

Il-villa ġiet deskritta kemm-il darba bħala kapulavur arkitettoniku. Tim ta' speċjalisti tal-għerien skoprew li s-sit tal-villa huwa saħansitra iktar impressjonanti milli kien maħsub qabel.[6]

Skulturi u opri tal-arti

[immodifika | immodifika s-sors]
Inċiżjoni tal-azzar li turi l-pittura enkawstika mitlufa ta' Awgustu tal-mewt ta' Cleopatra VII, li ġiet skoperta fil-Villa ta' Adrijanu fl-1818[7]; hawnhekk tidher liebsa l-kuruna raġġanti tad-deheb tal-mexxejja Tolomajka[8], għoqda ta' Isis (li taqbel mad-deskrizzjoni tagħha minn Plutarka liebsa l-ħwejjeġ ta' Isis), u tingidem minn lifgħa f'att ta' suwiċidju.[9]

Bosta artefatti mill-isbaħ instabu fil-villa u ġew restawrati, fosthom statwi tal-irħam ta' Antinous, il-maħbuba divinizzat ta' Adrijanu, li għereq f'aċċident fl-Eġittu, u mużajk mit-teatru u l-banjijiet.

Mużajk realistiku juri qatta' ħamiem madwar skutella, u waħda minnhom qed tixrob, milli jidher huwa kopja ta' opra tal-arti ta' Sosus ta' Pergamon kif deskritt minn Plinju x-Xiħ. Min-naħa l-oħra din l-opra tal-arti ġiet ikkopjata b'mod wiesa'.[10]

Instabu bosta kopji ta' statwi Griegi (bħal dik ta' Amazon Feruta), u saħansitra interpretazzjonijiet bi stil Eġizzjan ta' allat Rumani u viċi versa. Il-biċċa l-kbira minnhom ittieħdu lejn Ruma għall-preservazzjoni u għar-restawr, u wieħed jista' jarahom fil-Mużewijiet Kapitolini jew fil-Mużewijiet tal-Vatikan. Madankollu, bosta ġew skavati wkoll fis-seklu 18 minn kummerċjanti tal-antikitajiet bħal Piranesi u Gavin Hamilton biex ibigħuhom lit-turisti tal-Vjaġġi Grandjużi u lill-antikwarji bħal Charles Towneley, u għaldaqstant jinsabu f'kollezzjonijiet ewlenin tal-antikitajiet fl-Ewropa u fl-Amerka ta' Fuq.

Fost l-opri tal-arti li nstabu fil-villa hemm:

  • Statwa ta' atleta tad-diskus
  • Mużajk tal-Ħamiem, kopja ta' mużajk Ellenistiku famuż, fil-Mużewijiet Kapitolini
  • Diana ta' Versailles, fil-Louvre
  • Venere f'pożizzjoni kokka
  • Antinous Kapitolin
  • Ċentawr Żagħżugħ u Ċentawr Anzjan (verżjonijiet Kapitolini)

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Tempju ta' Venere fil-Villa ta' Adrijanu

Il-Villa ta' Adrijanu ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]

Id-deżinjazzjoni speċifikat il-konfini tas-sit u ħolqot żona ta' lqugħ madwar is-sit fejn ma kien permess l-ebda kostruzzjoni ġdida. Fl-2011, il-gvern komunali ta' Tivoli ħabbar pjanijiet, li iktar 'il quddiem ġew ikkanċellati, biex tinbena miżbla qrib il-villa u approva l-kostruzzjoni ta' abitazzjonijiet pubbliċi fuq 120,000 metru kwadru fiż-żona ta' lqugħ. Fis-36 Laqgħa Annwali tagħha, l-UNESCO indirizzat dawn il-punti ta' tħassib formalment. Filwaqt li l-gvern Taljan ġie mfaħħar għad-deċiżjoni tiegħu li jabbanduna l-kostruzzjoni ta' miżbla fiż-żona ta' Corcolle, il-kumitat talab lill-gvern "biex jgħarraf liċ-Ċentru tal-Wirt Dinji fil-pront dwar kwalunkwe proġett ewlieni ta' żvilupp li jkun ippjanat fiż-żona ta' lqugħ tas-sit, inkluż l-iżvilupp ta' abitazzjonijiet f'Comprensorio di Ponte Lucano, li fir-rigward tagħhom għandha tiġi inkluża Valutazzjoni tal-Impatt fuq is-Sit ta' Wirt Dinji, f'konformità mal-paragrafu 172 tal-Linji Gwida Operazzjonali, qabel kwalunkwe impenn irreversibbli”. L-UNESCO talbet ukoll lill-“Italja biex tibgħat . . . rapport aġġornat dwar il-qagħda ta' konservazzjoni tas-sit”, sa Frar 2014, minħabba t-tħassib dwar id-deterjorament tal-fdalijiet esposti.[11]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1] Il-villa saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO peress li tqieset bħala kapolavur li jqarreb il-kultura materjali tad-dinja Mediterranja, ispirat il-perjodu Rinaxximentali u Barokk, ispirat id-dinja moderna wkoll, u hija eżempju eċċezzjonali ta' binja tal-Imperu Ruman bikri.[1]

Veduta mill-ajru tal-Pjazza tad-Deheb

Fl-2016, bħala parti mill-organizzazzjoni mill-ġdid tal-Ministeru għall-Beni u l-Attivitajiet Kulturali, il-Villa ta' Adrijanu, il-Villa d'Este fil-qrib u t-Tempju ta' Erkole f'Tivoli tqiegħdu taħt is-superviżjoni tal-Istitut Awtonomu tal-Villa ta' Adrijanu.

L-Akkademja tal-villa tqiegħdet fil-lista tal-100 l-Iktar Sit Mhedded tal-2016 tal-World Monuments Watch minħabba d-deterjorament rapidu tal-fdalijiet.

Fl-2019, l-UNESCO ddeżinjat il-Villa ta' Adrijanu bħala sit b'immunità speċjali minn attività tal-gwerra minħabba l-valur simboliku qawwi tagħha.[12] Dan il-livell miżjud ta' sigurtà jipprojbixxi lill-membri tan-Nazzjonijiet Uniti milli jattakkaw is-sit jew jużawh għal skopijiet militari fi gwerra.

Fi Frar 2021, l-arkeologi mmexxija mir-riċerkatur Rafael Hidalgo Prieto mill-Università ta' Pablo de Olavide ħabbru l-iskoperta ta' fdalijiet tal-kamra tal-kolazzjon ta' Adrijanu li kienet turi s-setgħa imperjali tiegħu. Huma żvelaw struttura bħala triclinium tal-ilma u kamra tal-pranzu separata li ntużat bħala mudell għas-Serapeum.[13][14]

Prieto stqarr li “L-imperatur ried juri affarijiet li kienu jħallu lill-viżitatur mistagħġeb, b'xi ħaġa li qatt ma jkun ra xi mkien ieħor fid-dinja u li jista' jitpaxxa biha biss fil-Villa ta' Adrijanu”.[15][16]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Villa Adriana (Tivoli)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-14.
  2. ^ "Hadrian's Villa | Italia.it (English)". www.italia.it (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-01-26. Miġbur 2022-03-14.
  3. ^ "View Article: Hadrian's Villa: A Roman Masterpiece". depts.washington.edu. Miġbur 2022-03-14.
  4. ^ Mari, Zaccaria and Sgalambro, Sergio: The Antinoeion of Hadrian's Villa: Interpretation and Architectural Reconstruction, American Journal of Archaeology, Vol 3, No 1, Jan 2007.
  5. ^ Renberg, Gil H.: Hadrian and the Oracles of Antinous (SHA, Hadr. 14.7); with an appendix on the so-called Antinoeion at Hadrian’s Villa and Rome’s Monte Pincio Obelisk, Memoirs of the American Academy in Rome, Vol. 55 (2010) [2011], 159-198.
  6. ^ "Investigating Rome's forgotten tunnels" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-14.
  7. ^ Pratt, Frances; Fizel, Becca (1949). Encaustic Materials and Methods. New York: Lear, pp. 14-15.
  8. ^ Sartain, John (1885). On the Antique Painting in Encaustic of Cleopatra: Discovered in 1818. Philadelphia: George Gebbie & Co., pp. 41, 44.
  9. ^ Plutarch (1920). Plutarch's Lives, translated by Bernadotte Perrin, Cambridge, MA: Harvard University Press; London: William Heinemann Ltd., p. 9.
  10. ^ Drabble, Margaret (2009-09-16). The Pattern in the Carpet: A Personal History with Jigsaws. Houghton Mifflin Harcourt. p. 292. ISBN 978-0-547-24144-9.
  11. ^ "Decisions Adopted by the World Heritage Committee at its 36th Session. pp. 117-118" (PDF).
  12. ^ Rome, Wanted in (2019-02-25). "Enhanced protection for Villa Adriana in Tivoli". Wanted in Rome (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-14.
  13. ^ Goldstein, Caroline (2021-02-10). "Archaeologists Have Found the Roman Emperor Hadrian's Palatial Breakfast Chamber, Where He Dined Before Servants on a Marble Throne". Artnet News (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-14.
  14. ^ Rome, Philip Willan. "Archaeologists discover table where Roman emperor Hadrian held power breakfasts at foot of Apennines". ISSN 0140-0460.
  15. ^ Magazine, Smithsonian; McGreevy, Nora. "Archaeologists Discover Ruins of Emperor Hadrian's Ornate Breakfast Chamber". Smithsonian Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-14.
  16. ^ "Hadrian's Villa, Tivoli: A virtual tour (video)". Khan Academy (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-14.