Santu Wistin
Santu Wistin | |||
---|---|---|---|
396 - Dioceses: Q3708139 | |||
Ħajja | |||
Twelid | Thagaste (en) , 13 Novembru 354, 354 | ||
Nazzjonalità | Ruma Antika | ||
Mewt | Hippo Regius (en) , 28 Awwissu 430 | ||
Post tad-dfin | San Pietro in Ciel d'Oro (en) | ||
Familja | |||
Missier | Patricius | ||
Omm | Monica of Hippo | ||
Konjuga/i | Not married | ||
Ulied |
uri
| ||
Aħwa |
uri
| ||
Edukazzjoni | |||
Lingwi |
Latin Punic (en) lingwa Berbera | ||
Studenti |
uri
| ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni |
filosofu teologu awtobijografu teoriku tal-mużika predikatur storiku poeta kittieb saċerdot Kattoliku isqof titulari Isqof Kattoliku | ||
Xogħlijiet importanti |
Confessions (en) The City of God (en) On the Trinity (en) | ||
Influwenzat minn | Sant'Ambroġju | ||
Festa | |||
28 ta' Awwissuu 15 ta' Ġunju |
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Santu Wistin huwa wieħed mill-erba’ Santi Padri ewlenin tal-Punent, flimkien ma’ Sant'Ambroġju, San Ġlormu u l-Papa San Girgor il-Kbir. Huwa kien isqof ta’ Ippona, belt ewlenija tal-Afrika Rumana (illum Annaba fl-Alġerija) u wieħed mill-figuri ewlenin tal-Knisja tar-raba’ seklu.
Tfulija
[immodifika | immodifika s-sors]Wistin twieled fit-13 ta’ Novembru 354 minn missier pagan, Patrizju, li kien Kunsillier ta’ muniċipju, u minn omm nisranija Kattolika, Monnika, ta’ razza bérbera f’Tagaste, fin-Numidja, Souk-Ahras, illum l-Alġerija. Minħabba l-edukazzjoni li kellu, hu kien marbut b’ruħu u b’ġismu ma’ Ruma, mal-Imperu Ruman, u mal-kultura Rumana. Studja f’Tagaste fejn twieled, wara kompla jistudja fil-belt ta’ Madawra (ġewwa l-Alġerija) u mbagħad temm l-istudji f’Kartaġni. L-ilsien Grieg ma setax jaqbdu fl-iskola, imma iżjed tard wara li kien kbir tgħallmu biżżejjed biex ikun jista’ jittraduċi għal-Latin. Min-naħa l-oħra, il-Puniku baqa’ ma tgħallmu qatt, neħħi xi ftit kliem ’l hawn u ’l hemm li laħaq tgħallem u li nqeda bih biex ifisser kliem Lhudi li kien jixxiebah etimoloġikament. Meta kellu tnax-il sena kien se jmut minħabba x-xedda li qabditu, u kien se jitgħammed. Imma billi għaddielu, hu baqa’ ma tgħammidx żgħir.
Żgħożija
[immodifika | immodifika s-sors]Ta’ dsatax-il sena tbiegħed mill-fidi Kattolika. Wara li qara l-ktieb l-Ortensju ta’ Ċiċerun li kien iħajjar għat-triq tal-filosofija, Wistin sar Manikew. Issa mietlu missieru (373), u reġa’ lura lejn Tagaste, u miegħu ħa l-mara li kien jgħix magħha u lil binhom Adeodat. Ommu ma laqgħethomx għandha. Hu beda jgħallem il-grammatika Latina fl-istess Tagaste (374). Wara dan huwa qabad jgħallem ir-retorika l-ewwel f’Kartaġni (375-383), imbagħad f’Ruma (384), u fl-aħħar Milan (Ħarifa 384 – Sajf 386). F’Milan stess hu ġie f’kuntatt mal-Isqof Sant'Ambroġju u mal-istudji tan-neoplatoniċi li għenuh iħoll il-problema tal-materjaliżmu u tal-ħażen. Bil-qari ta’ San Pawl hu għeleb il-problema tan-naturaliżmu, u fehem li Kristu mhux biss hu l-Imgħallem, imma wkoll il-Feddej. Hekk wasal biex aċċetta l-medjazzjoni divina u l-grazzja. U fl-aħħar wasal ukoll għall-konverżjoni tiegħu.
Konverżjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Wistin ikkonverta fl-ewwel jiem tax-xahar ta’ Awwissu tas-sena 386, jiġifieri 44 sena qabel ma miet bħala Isqof ta’ Ippona. Bejn il-konverżjoni u l-episkopat tiegħu għaddew ftit inqas minn għaxar snin, imma dan kien perjodu mimli progress spiritwali u kisba ta’ tagħlim tat-teoloġija Kattolika.
Hekk kif ikkonverta hu ħa żewġ deċiżjonijiet kbar: dik li jirrinunzja għat-tagħlim tar-retorika, u dik li jirrinunzja għaż-żwieġ. Hekk, qrib it-tmiem ta’ Ottubru tas-sena 386 Wistin irtira f’Kassiċijaku, x’aktarx Cossago fil-Brianza, biex hemm iħejji ruħu għall-magħmudija. F’dan il-post hu għamel inqas minn ħames xhur għaliex fl-ewwel ġranet ta’ Marzu tas-sena 387 hu reġa’ lura lejn Milan, inkiteb katekumenu, segwa l-kors tal-katekeżi li għamel Ambroġju u kien mgħammed flimkien ma’ Alipju, sieħbu, u Adeodat, ibnu, fil-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ April, il-viġilja tal-Għid tas-sena 387. Minn hemm Wistin qatagħha li jerġa’ lura lejn l-Afrika, imma ftit wara li waslu f’Ostia Tiberina, ommu mardet u mietet. Wistin reġa’ lura lejn Ruma u baqa’ sas-sena ta’ wara jikteb il-kotba u jitkixxef iżjed dwar il-ħajja monastika. Wara l-mewt tal-Imperatur Massimu li ġrat f’Lulju jew f’Awissu tas-sena 388, Wisin ħalla Ruma u mar Tagaste fejn beda l-ħajja komunitarja flimkien mal-ħbieb tiegħu u ma’ Adeodat li mbagħad miet minn sena sa tliet snin wara (389-391).
Saċerdot u Isqof
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-sena 391, Wistin mar Ippona bil-ħsieb li jsib xi post fejn ikun jista’ jwaqqaf knisja. F’dik l-okkażjoni hu aċċetta kontra qalbu li jkun ordnat saċerdot. L-Isqof Valerju tah biċċa mill-kwartier nisrani biex iwaqqaf hemm il-monasteru tal-lajċi li xtaq jibni. Hawn beda jagħti ruħu għal iżjed ħajja axxetika, għal iżjed studji tat-teoloġija, u fl-istess ħin beda l-ħidma tiegħu tal-predikazzjoni. Fis-sena 395 jew 396 hu kien ikkonsagrat Isqof. Għadda xi żmien jgħin lill-Isqof Valerju, imbagħad, għallinqas minn Awissu tas-sena 397, hu beda l-ħidma tiegħu proprja bħala Isqof ta’ Ippona. Meta sar Isqof tal-post, Wistin ħalla l-monasteru tal-lajċi fejn qabel kien superjur, u mar fid-dar ta’ l-Isqof u għamel minn din monasteru tal-Kjeriċi.
Bħala Isqof, Santu Wistin ħadem bis-sħiħ kemm fid-djoċesi tiegħu, kemm fi djoċesijiet oħra fejn mar ħafna drabi l-iktar biex jipprietka, u kemm għall-Knisja universali l-iktar bil-kotba tiegħu. Fid-djoċesi tiegħu, Wistin kien jipprietka regolarment darbtejn fil-ġimgħa, jiġifieri s-Sibt u l-Ħadd. F’xi okkażjonijiet kien jipprietka għal ġranet sħaħ wara xulxin, meta mhux ukoll jagħmel żewġ prietki kuljum. Kellu wkoll laqgħat tal-Isqof mal-membri tad-djoċesi, li kienu jissejħu audientia episcopalia, u dan biex jisma’ u jaqta’ s-sentenzi fil-kawżi li kienu jippreżentawlu l-fidili. Xi kultant dawn il-laqgħat kienu jdumu l-ġurnata kollha. Kellu wkoll jieħu ħsieb il-fqar, ir-romol u l-iltiema permezz ta’ tqassim ta’ affarijiet meħtieġa għall-ikel u għall-ħajja mill-imħażen li kien hemm apposta fil-kwartier nisrani. Kien jieħu ħsieb it-tagħlim reliġjuż tal-kleru li fosthom ġab riforma kbira bil-ħsieb li s-saċerdoti jkunu iktar kapaċi teoloġikament u liturġikament. Organizza l-monasteri kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa. Kien iżur il-morda fi djarhom stess. U kien jaqbeż għall-fidili quddiem l-awtorita’ ċivili. Kien ukoll jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-ġid tal-Knisja, xogħol li kien jagħmel kontra qalbu.
Għall-Knisja ta’ l-Afrika u b’xi mod għall-Knisja Universali, hu ħa sehem f’diversi konċilji Afrikani. Kiteb ħafna ittri bħala tweġiba għall-problemi jew mistoqsijiet li kienu jagħmlulu. Ħa sehem f’disputi pubbliċi mal-eretiċi meta tqum l-okkażjoni, fosthom fil-konferenza tas-sena 411 bejn Isqfijiet Kattoliċi u Isqfijiet Donatisti. Hu ħadem ħafna għas-soluzzjoni tax-xiżma Donatista u tal-kontroversja Pelaġjana. Meta miet fit-28 ta’ Awissu tas-sena 430, fit-tielet xahar ta’ l-assedju taIppona mill-Vandali, ħalla warajh ħafna opri mhumiex mitmuma. L-aħħar xogħol tiegħu kienet l-Ittra 228 li x’aktarx li ddettaha fuq is-sodda ta’ mewtu u indirizzaha lis-saċerdoti tad-djoċesi dwar id-dmirijiet tagħhom għal waqt l-invażjoni barbarika. Hu kien midfun fil-Bażilika Pacis ġewwa Ippona. Iktar tard l-għadam tiegħu, f’data inċerta, ittieħed f’Sardinja, u qrib is-sena 725 kien ittrasportat f’Pavia fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ciel d’Oro, fejn għadu sal-lum.
Il-Belt ta’ Alla (De Civitate Dei)
[immodifika | immodifika s-sors]Din hi l-aqwa biċċa xogħol ta’ Santu Wistin. Fiha hu jagħti fil-qosor il-ħsieb tiegħu filosofiku, teoloġiku u politiku. Kitbu bejn is-snin 413-426. Fir-Ritrattazzjonijiet Santu Wistin meta wasal sabiex jerġa’ jagħti daqqa t’għajn lejn ix-xogħol li kien għadu kemm temm, fuq il-Belt ta’ Alla, kiteb: “Waqt dan kollu, Ruma kollha kienet tinsab imfarrka taħt il-qilla ta’ l-invażjoni tal-Goti li kienu taħt it-tmexxija tar-re Alariku (370-410); kien diżastru kbir. Dawk li aħna mdorrijn insejħu l-pagani, dawk li jagħtu qima lil bosta allat foloz, għamlu l-almu tagħhom kollu sabiex iqiegħdu l-ħtija ta’ dan kollu wara bieb it-twemmin nisrani, u dan sabiex iżebilħu lil Alla l-veru bi lsien iniggeż aktar u bi ħdura mhux tas-soltu. Għalhekk jien mifni bil-ħeġġa għad-dar ta’ Alla, qtajtha illi nikteb kontra dawn id-dagħajja u l-iżbalji tagħhom, il-kotba ta’ l-Belt ta’ Alla.”
Mela skond Wistin dawn kienu raġunijiet ewlenija għaliex ried jikteb il-Belt ta’ Alla. L-idea ewlinija hi dik li l-Providenza divina ddawwal u tmexxi l-istorja kollha tal-bniedem. Fiha 22 ktieb. ~ertament hija l-‘Magnum Opus’ ta’ Santu Wistin - opra twila ħafna u trid iż-żmien biex taqraha kollha. Tinqasam f’żewġ partijiet. Il-kotba 1-10 fihom il-ħsieb ta’ apoloġetika u polemika. Fil-kotba 1-5 Santu Wistin jirrifjuta l-opinjoni pagana li l-politeiżmu, jew l-adorazzjoni ta’ ħafna allat, kien bżonnjuż sabiex tinstab hena fuq din id-dinja; fil-kotba 6-10 huma miktuba kontra l-filosfi Neo-Platoniċi li kien jżommu li l-adorazzjoni ta’ l-allat hija neċessarja għall-ħajja futura. Il-kotba 11-22 huma spekulattivi. Hemm żewġ saltniet kbar li fihom isir l-iżvilupp tal-ħajja u ta’ l-umanita’: ‘Regnum Dei, Regnum mundi’,- ‘ir-renju ta’ Alla u r-renju tad-dinja.’ Il-konflitt bejn dawn it-tnejn jifforma suġġett ta’ dan ix-xogħol.
Ir-renju ta’ Alla jikkonsisti: fl-anġli tiegħu u n-nies ġusti, u l-essenza tar-renju tad-dinja hi l-apostasiji minn Alla. Huwa hawn li dawn iż-żewġ renji jidħlu ġo xulxin għaliex iċ-ċittadini ta’ l-ewwel jgħixu bħala ċittadini qalb tat-tieni. Il-kotba 11-14 jiddeskrivu l-oriġini ta’ kull renju, bil-ħolqien tal-anġli u tal-waqgħa ta’ dawk apostati. Il-kotba 15-18 jittrattaw fuq l-iżvilupp u l-progress ta’ dawn iż-żewġ renji u l-kotba 19-22 l-għan ta’ kull renju u kif isib tmiemu.
Ix-xogħol fih ħafna tagħrif storiku u arkeoloġiku għax Wistin ħa ħafna minn Ċiċerun, Verro u mir-reċensjoni tal-‘Chronicon’ ta’ Ewsebju. Ċertament dan ix-xogħol kellu u għad għandu influwenza kbira mill-mewt ta’ Wistin l’ hawn. Għall-grazzja ta’ Alla għandna traduzzjoni tajba ħafna tal-Belt ta’ Alla, tradotta minn Valentin V. Barbara, maħruġa mill-Provinċja Agostinjana, Malta, fil-1996, bin-noti estiżi ta’ P. Salvino Caruana OSA.